LEJN SPORT MALTI TA’ SUĊĊESS

It-titjib li rajna fil-faċilitajiet sportivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex matul dawn l-aħħar ftit snin kien tabilħaqq impressjonanti. U m’iniex nitkellem biss fuq l-isport l-aktar popolari f’pajjiżna, l-futbol, iżda anki dixxiplini oħra li finalment bdew isibu l-appoġġ mhux bil-paroli tal-imgħoddi, iżda bil-fatti permezz ta’ fondi ferm akbar u inizjattivi li sa qabel l-2013 ma konniex noħolmu bihom.

Dan il-proċess ta’ titjib fil-faċilitajiet u t-teknoloġija għadu sejjer b’rittmu qawwi, tant li ħafna huma d-dilettanti Maltin u Għawdxin li qegħdin iħarsu b’ħeġġa u ottimiżmu lejn il-ġejjieni tal-isport favorit tagħhom. L-investiment li diġà sar u dak li se jkun qed isir, fosthom fit-trakka ta’ livell professjonali għat-tlielaq tal-karozzi f’Ħal Far, huwa garanzija li dawk li kienu joħolmu, llum jistgħu jgħaddu għar-realtà. Bħalhom dilettanti ta’ ħafna fergħat oħra tal-isport Malti.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin li għalihom għażilt li nidħol fl-arena politika ta’ pajjiżna huwa propju biex ngħin fit-tisħiħ ta’ din il-ħidma kbira, fuq skala nazzjonali, b’risq l-ispport Malti. Bl-appoġġ u l-fiduċja tan-nies nittama li nkun fuq ta’ quddiem ta’ dan il-proġett nazzjonali li jrid ipoġġi lil Malta sportiva f’livell ġdid ta’ professjonalità fejn jista’ jitkattar is-suċċess. M’għadx baqa’ lok għal dilettantiżmu li bih nibqgħu fejn aħna, aktar u aktar meta niġu għal sports varji li fihom pajjiżna sikwit ikun rappreżentat f’kompetizzjonijiet u tlaqqigħat internazzjonali.

Irridu inpoġġu isem Malta fuq il-mappa sportiva dinjija bla ma nkunu prużuntużi billi naħsbu li rridu niġru qabel nitgħallmu nimxu. L-istrateġija teħtieġ tkun mibnija fuq fażijiet ippjanati li jibdew mill-ewwel klassijiet tal-iskola sal-università u lil hinn minnha. Ngħid dan mingħajr ma nitfa’ l-iċken dell fuq sportivi Maltin u Għawdxin tal-imgħoddi li, bla dubju, għamlu ħilithom u xi wħud anki ġew lura fostna bl-unuri. Imma jibqa’ l-fatt li għad baqa’ diversi tarġiet x’nitilgħu qabel inkunu tabilħaqq biżżejjed kompetittivi biex saħsansitra nisfidaw għal suċċessi li jissarrfu anki f’kisbiet ta’ tazzi u midalji.

M’iniex nara kbir, anzi rrid nibqa’ prudenti u realistiku. Madankollu, jekk wieħed jara s-suċċess li kisbu ċerti pajjiżi żgħar, fosthom l-Islanda fil-futbol u l-atletika, San Marino, Ċipru u gżejjer żgħar fil-Karibew b’popolazzjoni iżgħar minn tagħna u li isimhom bilkemm tiftakru, malajr jifhem li pjan ambizzjuż ta’ din ix-xejra li jista’ jkollha Malta f’dan il-qasam huwa sfida interessanti. Dik li rridu nimxu hija triq twila u li mhix nieqsa mill-intoppi, b’danakollu bil-Gvern u l-għaqdiet sportivi jaħdmu spalla ma’ spalla, kif rajna tul dawn l-aħħar snin, l-isportiv Malti jista’ fl-aħħar jibda jemmen ferm aktar fih innifsu u r-riżultati li ġġib Malta joffru ferm aktar sodisfazzjon mis-sempliċi motto tal-imgħoddi li “l-aqwa li nipparteċipaw.” Tajjeb li nipparteċipaw, imma kemm ikun isbaħ li nipparteċipaw b’suċċess li jagħmel ġieħ lil Malta.

Il-poplu Malti jixraqlu jkollu sportivi ottimisti u ħerqana jtejbu l-prestazzjoni tagħhom, u huwa propju għalhekk l-aċċent li sar u la bla dubju se jkun qed jitkompla biex ikollhom l-aħjar faċilitajiet, l-aqwa taħriġ u iżjed investiment dirett fil-ħiliet tagħhom.

Nafu, pereżempju, kemm hu meħtieġ li jimtela’ l-vojt li hemm bejn il-livell ta’ sportivi tfal u adoloxxenti u dak ta’ sportivi fl-aqwa età u saħħa fiżika tagħhom. Fil-qosor, il-qabża mil-livell tad-dilettanti għall-professjonalità li permezz tagħha biss nistgħu naspiraw li nidħlu fil-klassi ta’ pajjiżi żgħar bħalna u nikkompetu bl-unur.

Dan hu parti mis-sehem li nixtieq nagħti fil-qasam politiku Malti. Mibni fuq esperjenza professjonali li, ma’ oħrajn fil-qasam u bi Gvern li jemmen fi proġett bħal dan, inkun nista’ nkun parti sħiħa mill-ħolma li lkoll għandna bħala nazzjon. Huwa impenn li, ntenni dejjem bl-appoġġ u l-fiduċja tal-poplu, nidħol għalih b’kuraġġ u rieda ġenwina. Is-suċċess ta’ Malta fil-qasam ekonomiku għandu jkun rifless fl-attivitajiet tagħha. Diġà rajnih iseħħ f’setturi bħal dawk tas-servizzi finanzjarji, l-eGaming, l-industrija tal-films u diversi oħrajn fuq il-pjattaforma internazzjonali. Għaliex mhux ukoll fl-isport?

LEJN SPORT MALTI TA’ SUĊĊESS

It-titjib li rajna fil-faċilitajiet sportivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex matul dawn l-aħħar ftit snin kien tabilħaqq impressjonanti. U m’iniex nitkellem biss fuq l-isport l-aktar

Read More »

IL-ĠEJJIENI MIN JAFU!?

Sikwit issib lil min jagħmel din il-mistoqsija meta jkun intilef dak is-sens ta’ direzzjoni li wieħed dejjem ikollu bżonn fil-ħajja. It-tendenza li wieħed jaħseb li

Read More »

LEJN SPORT MALTI TA’ SUĊĊESS

It-titjib li rajna fil-faċilitajiet sportivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex matul dawn l-aħħar ftit snin kien tabilħaqq impressjonanti. U m’iniex nitkellem biss fuq l-isport l-aktar

Read More »

Ħaż-Żabbar Pump Track

• Construction takes 3-4 Week• A great solution for tight budgetsand limited space forconstruction• Perfect for Small Neighborhoods Download PDF

Read More »