IL-ĠEJJIENI MIN JAFU!?

Sikwit issib lil min jagħmel din il-mistoqsija meta jkun intilef dak is-sens ta’ direzzjoni li wieħed dejjem ikollu bżonn fil-ħajja. It-tendenza li wieħed jaħseb li fil-ħajja u fid-dinja kollox jista’ jibqa’ l-istess, speċjalment f’waqtiet meta kollox ikun sejjer tajjeb u għal qalb dak li jkun, hija komuni ħafna. Il-verità, madankollu, hija li xejn u ħadd ma jibqa’ l-istess. Li naħsbu għall-ġejjieni – tagħna nfusna, tal-familja, tan-nazzjon, tax-xogħol li nagħmlu eċċ – huwa bżonn sagrosant f’ħajjitna u jitqarraq tassew min ma jaħsibx għalih.

Fil-qasam tal-politika huwa daqstant importanti li min imexxi jew jippretendi li xi darba jkun imexxi, jaħseb ukoll fil-ġejjieni. Nafu biżżejjed li fil-ħajja politika xejn ma tista’ tieħu b’benfatt. Wieħed mill-aqwa Prim Ministri li kellha l-Gran Brittanja fl-istorja moderna, Harold Wilson, kien qal li ġimgħa twila wisq fil-politika, liema dikjarazzjoni kien għamilha warajh Prim Ministru popolari ieħor – Gough Whitlam fl-Awstralja.

Għalhekk wieħed jifhem mill-ewwel il-miri tal-Baġit għas-sena d-dieħla li l-Gvern ippreżenta bit-tema effettiva ta’ ‘Malta li rridu għal uliedna’. Gvern serju ma jistax jibni fuq l-imgħoddi, kienu kemm kienu kbar il-kisbiet f’setturi varji tal-ekonomija, anzi jrid ikun ikkargat biex iħares ’il quddiem, jifhem il-mogħdijiet li għandu jgħaddi minnhom u jiftaħ toroq ġodda għaċ-ċittadini permezz tal-innovazzjoni, inizjattivi ekonomiċi, u x-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-poplu biex hekk it-tkabbir ekonomiku jissokta b’rittmu sostnut.

Jekk illum Malta hija xxurtjata li għandha l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellha fl-istorja tagħha, ma jfissirx li nistgħu nċiċċu nieħdu pjaċir inċapċpu lilna nfusna bħallikieku din xi sitwazzjoni li tista’ ma tinbidilx. Mingħajr it-tisħiħ tal-pass ekonomiku li twettaq mill-2013 u d-dinamiżmu tal-Amministrazzjoni ta’ Robert Abela mill-2017 l-istatus quo jista’ jinbidel ħesrem. Ix-xogħol ma jaqax mis-siġar, iżda huwa frott li jinħasad wara ħidmiet u strateġiji li partit politiku fil-poter ikun wettaq, u f’Malta kien propju l-Partit Laburista li l-poplu, fid-dehen tiegħu, għaraf jifhmu u jagħtih – u għadu jagħtih – il-fiduċja biex iżomm it-tmun tal-pajjiz f’idejh u għajnejh fuq il-ġejjieni.

Il-Baġit għall-2022 huwa tabilħaqq mera ta’ dan kollu, tal-viżjoni futura li permezz tagħha l-poplu Malti jaċċerta ruħu li ma jitlifx il-qaleb mal-ġbejna. Waqt li t-tkabbir ekonomiku, is-suq tax-xogħol u l-ġustizzja soċjali jibqgħu, kif dejjem kienu, l-qafas ta’ kull Gvern Laburista li kellhom dawn il-Gżejjer, nafu wkoll li hemm realtajiet oħra li ma jistgħux jaħarbulna mill-attenzjoni tagħna. Hekk juri l-Baġit li jiġi fis-seħħ f’Jannar li ġej u hekk jidher li hija d-determinazzjoni tal-Gvern f’ċirkustanzi dinjija, ma ninsewx, tabilħaqq diffiċli, meta gvernijiet u pajjiżi oħra qegħdin iħossu l-piż u jfittxu jintroduċu miżuri ta’ awsterità filwaqt li Malta, ċkejkna iżda kbira fil-qalb, xorta waħda għadha tħares lejn il-ġejjieni b’ħeġġa, ottimiżmu u serjetà. U dan mhux qed jgħiduh xi propagandisti tal-Gvern, iżda aġenziji internazzjonali b’reputazzjoni mill-aqwa, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll f’organizzazzjonijiet indipendenti fil-qasam.

Jekk hemm xi ħaġa fil-Baġit 2022 li tassew tispikka, flimkien mal-aspett soċjali fejn għandek fondi rekord ivvutati, bla dubju hija l-lenti li qed tinxteħet fuq l-ambjent. Mhux bżar fl-għajnejn, iżda miri ċari u meħtieġa li jwittu t-triq għal ambjent sostennibli f’bilanċ xieraq mat-tkabbir ekonomiku. It-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum jifhmu u japprezzaw it-theddida li għandna minn żvilupp bla rażan u għaldaqstant jeħtieġu lil min jurihom li għandna fost il-politiċi tagħna lil min lest jaħdem u jmexxi strateġiji effettivi biex l-ambjent Malti ma jibqax aktar abbużat. L-ambjent ma jkunx imħares bil-paroli, iżda bil-fatti, u hekk qed jagħmel il-Gvern Laburista, konxju mir-realtà ta’ pajjiżna, billi jressaq ideat u jpoġġi quddiemna proposti li joffru sfida daqs kemm solljiev. Fortunatament, iż-żmien meta gvern kien jippretendi li hu xempju tal-perfezzjoni, kif kienu jpinġu lilhom infushom in-Nazzjonalisti sal-aħħar, għadda, u għadda b’mod massiċċ u storiku b’riħet il-vot popolari tan-nies fl-2013 u fl-2017.

Iżda l-isfida tal-ambjent mhix ġejja biss minn ġewwa. Nafu li bit-tibdil fil-klima d-dinja diġà qed tħabbat wiċċha ma’ kundizzjonijiet estremi li fil-ġejjieni se jkunu qegħdin iħallu impatt qawwi fuq l-għajxien ta’ popli sħaħ. Hawn ukoll, iżda, qed naraw lill-Gvern Malti jħares lejn il-ġejjieni u jingħaqad mal-bqija tad-dinja biex ikunu missielta t-tibdil fil-klima u l-isfidi li ġġib magħha. Sa inqas minn għaxar snin oħra, pereżempju, l-ħsieb tal-awtoritajiet Maltin hu li jkollna fit-triqat madwar 65,000 karozza elettrika li jieħdu post il-karozzi tradizzjonali li jaħdmu fuq fjuwil li jniġġes. Hu fatt li għajn ewlieni tat-tniġġis tal-arja f’dawn il-Gżejjer huma l-emissjonijiet tal-karozzi.

Iżda l-futur għal uliedna u wliedhom se jkun qed jieħu wkoll is-sura ta’ trasport pubbliku b’xejn, trasport tal-massa elettroniku taħt l-art u proposti oħra li mingħajr viżjoni u għaqal ma jistgħux jitwettqu.

Altru minn il-ġejjieni min jafu!? Fil-każ ta’ Malta l-ġejjieni qed jitfassal u jitwettaq billi minn issa nifhmu kif, mill-esperjenza u s-suċċessi tal-lum, nistgħu flimkien nagħmlu dak il-pass kbir meħtieġ lejn il-ġejjieni, ġejjieni msejjes fuq ir-realtajiet u l-isfidi ġodda li ġab miegħu s-Seklu 21.

LEJN SPORT MALTI TA’ SUĊĊESS

It-titjib li rajna fil-faċilitajiet sportivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex matul dawn l-aħħar ftit snin kien tabilħaqq impressjonanti. U m’iniex nitkellem biss fuq l-isport l-aktar

Read More »

IL-ĠEJJIENI MIN JAFU!?

Sikwit issib lil min jagħmel din il-mistoqsija meta jkun intilef dak is-sens ta’ direzzjoni li wieħed dejjem ikollu bżonn fil-ħajja. It-tendenza li wieħed jaħseb li

Read More »

LEJN SPORT MALTI TA’ SUĊĊESS

It-titjib li rajna fil-faċilitajiet sportivi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex matul dawn l-aħħar ftit snin kien tabilħaqq impressjonanti. U m’iniex nitkellem biss fuq l-isport l-aktar

Read More »

Ħaż-Żabbar Pump Track

• Construction takes 3-4 Week• A great solution for tight budgetsand limited space forconstruction• Perfect for Small Neighborhoods Download PDF

Read More »